08/07/2026
Il-jum it-tajjeb.
Kienet l-ewwel darba fil-Mediterran li xi 8500 sena ilu nies qadfu għal mill-inqas 25 siegħa fi vjaġġ ta’ 100 kilometru minn Sqallija sal-Latnija f’Malta. Dawn in-nies bdew jgħixu f’dawn il-gżejjer mill-inqas 1,000 qabel ma konna naħsbu. Mill-inqas qattgħu lejl fid-dlam meta baħħru lejn il-Latnija. U minn fejn telqu ma kinux qed jaraw l-art fejn kienu se jaslu.
Il-Latnija tinsab bejn il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa u hija magħrufa għall-irdumijiet spettakolari tagħha, li joffru veduti mill-isbaħ tal-baħar Mediterran. Hawnhekk insibu l-fdalijiet ta' għar kbir sfrundat fejn għexu l-ewwel nies li ġew Malta 8500 sena ilu. L-isem "Latnija" ġej mill-kelma Taljana "Iatomia," li tfisser barriera, li li tiddiskrivi tajjeb il-barriera naturali magħmula mill-irdumijiet.
In-nies tal-Latnija kienu jieklu l-ikel misjur ta’ ħut, imħar, granċijiet, bebbux tal-baħar, rizzi, bumarini, dniefel, fkieren, tjur, ċriev u anki ħxejjex slavaġ. Jista’ jkun li l-bumarini u d-dniefel telgħu mejtin fuq ix-xtajta u ħaduhom għall-ikel aktar milli qabduhom huma stess.
L-għixien tal-kaċċaturi nomadi kien differenti minn dak tal-bdiewa li ġew mill-inqas 1,000 sena warajhom u għexu mill-art li kienu jaħdmu.
Baħar li jgħaqqad
Il-komunità tal-Latnija kienu kaċċaturi u jgħixu wkoll b’li jsibu huma u jiċċaqalqu min-naħa għal oħra. L-għodda tan-nies tal-Latnija kienet sempliċi u magħmula mill-franka, tixbaħ lil dik ta’ Sardinja u mhux dik aktar iebsa ġejja mil-lava u avanzata li kellhom Sqallija fl-istess żmien.
Jidher ukoll li nies bħal dawn il-kaċċaturi nomadi tal-Latnija kienu jiċċaqalqu mhux biss fuq l-art imma wkoll bejn art u oħra fil-Mediterran.
Studju tad-DNA li sar fuq għadam ta’ nies mit-Tuneżija u mill-Alġerija juri li kellhom sa 6% ġejjin minn kaċċaturi nomadi Ewropej li aktarx qasmu minn Sqallija għal Malta u gżejjer oħra ġirien u baqgħu sejrin lejn l-Afrika ta’ Fuq 8500 sena ilu.
Fit-Tuneżija instabu wkoll għodod magħmulin mill-blat obsidjan tal-lava ta’ Pantellerija. Qabel dawn is-sejbiet fil-Latnija, fit-Tuneżija u fl-Alġerija konna naħsbu li l-baħar Mediterran kien iżomm in-nies ‘il bogħod minn xulxin. Issa nafu li dan il-baħar kien jgħaqqad ukoll u mhux jifred.
Dan it-tagħrif inġabar minn diversi sorsi, fosthom: ‘Hunters-gatherers undertook long-distance sea journeys in the Mediterranean earlier than expected’ (University of Cologne 4/10/2025) u ‘Mediterranean hunter-gatherers voyaged across the open sea 8500 years ago’ (Scienceinsider 9 April 2025).
Kienu tgħallmu
Dawn is-sejbiet iqajmu mistoqsijiet ġodda dwar il-kaċċaturi nomadi tal-Mediterran li jaħtieġu iżjed riċerka biex forsi jiġu mwieġba. Li hu magħruf s’issa hu li biex jagħmlu vjaġġ bil-baħar ta’ 100 kilometru li ħadilhom xi 25 siegħa jfisser li kienu tgħallmu dwar il-kurrenti tal-baħar, kif jonfoħ ir-riħ, kif jużaw il-kwiekeb biex isibu d-direzzjoni fid-dlam, kif jifhmu t-titjir tal-għasafar li jindika l-art fil-qrib u kif jimmarkaw postijiet biex jgħinuhom jaslu fejn għandhom jaslu.
Jidher li qasmu f’kenuri ta’ zkuk sħaħ imħaffrin b’għodda li taqta’ u bin-nar. Biex jagħmlu vjaġġ bħal dak kellhom bżonn ukoll jippreparaw u jippjanaw: x’ikel u ilma se jieħdu. Kienu lesti jissugraw għax ma kienux jafu fejn se jaslu u meta se jaslu f’art li ma kinux qed jaraw mnejn telqu.
Saħħa u sliem.
Qatt qabel ma kienu qadfu 100 kilometru f'baħar miftuħ bla jafu fejn se jaslu